Trevor Żahra, twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Diċembru 1947; bin Walter u Ġuża nee Caruana. Trevor huwa t-tielet minn erba’ aħwa. Huwa studja fl-iskola Sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u s-Sitt Klassi fil-Liċeo. Fl-1966 daħal jaħdem għal żmien qasir mal-istazzjoni tat-TV lokali, bħala script writer. Kien ukoll jipproduċi programmi għat-tfal u jagħmel xogħol ta’ Presentation Officer. Fl-1967 daħal il-Kulleġġ ta’ l-Għalliema fejn wara kors ta’ sentejn beda jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji. Illum huwa jinsab irtirat wara karriera ta’ 33 sena.
Trevor iżżewweg lil Stella nee Agius fl-1971 u kellhom żewgt itfal: Ruben u Marija. Stella mietet fl-1989 u llum Trevor huwa armel. Ta’ eta’ żgħira beda jinteressa ruħu fil-kitba u l-Arti. Ippubblika l-ewwel poeżiji tiegħu f’The Children’s Own, fil-ġurnal Il-Berqa u f’għadd ta’ rivisti. Bejn is-7 snin u d-19-il sena kien membru tal-Azzjoni Kattolika taż-Żejtun, fejn bħala tifel kien attiv ħafna fil-palk, jirreċta, ipinġi x-xenarju u jikteb il-fares, idoqq fi grupp ta’ mużika pop kif ukoll kien jeditja rivista ċkejkna bejn il-membri. Fost l-ewwel kitba tiegħu li għad fadal minn dan il-perijodu nsibu Il-Praspar ta’ Kunċett u Marinton li bosta minnhom Żahra kitibhom meta kien fir-raba’ sena ta’ l-iskola sekondarja.
Fl-1971 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Il-Pulena tad-Deheb. Dan il-ktieb kiseb suċċess immedjat u Żahra minnufih inxteħet fil-qasam tal-kitba għat-tfal b’impenn kbir. Iżda huwa qatt ma waqaf mill-kitba adulta. Fl-1972 ippubblika l-ġabra ta’ poeżiji Eden. Fl-1973 ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu Is-Surmast, rumanz li għoxrin sena wara Żahra adattah għall-palk . Fl-1974, ippubblika r-rumanz Taħt il-Weraq tal-Palm li kien rebaħ l-ewwel premju f’konkors imniedi mill-Klabb Kotba Maltin. Minn dak iż-żmien ’l hawn Żahra baqa’ jippubblika simultanjament kemm kotba għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Żahra ppubblika l-ewwel workbooks f’Malta għat-tfal għat-tagħlim tal-Malti. Il-kotba tiegħu, bejn kotba ċkejknin għat-tfal iż-żgħar, traduzzjonijiet kif ukoll letteratura għall-kbar, llum ilaħħqu ’l fuq minn 130.
Żahra huwa rebbieħ ta’ bosta premjijiet letterarji prestiġjużi; biżżejjed insemmu li għal 13-il darba kellu kotba rebbieħa fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. F’Diċembru 2004, l-Eċċ.T. il-President ta’ Malta iddekorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’riżq il-letteratura għat-tfal. F’Ottubru 2008, huwa rebaħ it-taqsima “Arti u Divertiment” tal-Johnnie Walker Man of the Year.
Żahra kiteb ukoll diversi xogħlijiet għall-palk, kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Ħafna mnn dawn ix-xogħlijiet, jinsabu f’dan is-sit fit-taqsima Reċti. Id-dramm tiegħu Is-Surmast (ibbażat fuq ir-rumanz fl-istess isem) ittella’ fit-Teatru Manoel fl-1994 u fl-1995, kif ukoll fit-Teatru tal-Univisersità fl-2009. Id-dramm Ħanut tal-Ħelu, ittella’ wkoll fit-Teatru Manoel fl-1995. Id-dramm Minn Wara ż-Żipp ittella’ fit-Teatru Manoel fl-2007 u fit-Teatru tal-Università fl-2008. Għal aktar dettalji ara t-taqsima Kotba.
Żahra attenda wkoll diversi seminars barra minn Malta, fosthom fil-Fillandja, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Greċja. Fil-Ġermanja huwa ta workshops lil grupp ta’ tfal Taljani, Ġermaniżi u Maltin dwar il-kitba kreattiva. Minbarra li huwa impenjat bis-sħiħ bil-kotba tiegħu, Żahra huwa attiv sewwa fil-qasam kulturali, iżur ħafna skejjel fejn ikellem lit-tfal, lill-ġenerituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi korsijiet dwar is-sengħa tal-kitba.
Kif jghid l-awtur stess. Mhux facli li tikteb awtobijografija u tibqa oggettiv. Biss nista nghid li Trevor Zahra irnexxielu jaghmlu sew u niseg ktieb li pagna wara pagna idahhlek fid-dinja ta dan l-awtur ferm popolari. Lil hinn mill-grajjiet li sawwru u nfluwenzaw il-hajja ta l-awtur Trevor Zahra jirnexxielu wkoll jiddeskrivi il-hajja ta Malta fl-imghoddi mhux daqstant il-boghod. Il-hajja rurali tal-villaggi tipici Maltin bil-hwienet zahar tal-merca, loghob, tradizzjonijiet u hafna u hafna iktar karatteristici li sfortunatament intilfu. Il-ktieb jappella kemm ghall qarrej li ghex dawk iz-zminijiet, ghal min bhali ghex parti minnhom u anke ghal qarrejja zahar li twieldu fl-era digitali. Ghal min bhali ghex parti minn dawn iz-zminijiet Trevor Zahra irnexxielu jerga jfakkarni f-avvenimenti li kienu storjati fil-memorja. Ktieb mill-isbah ta wiehed mill-iktar awturi prolifici fil-letteratura Maltija. Ahfirli Trevor imma ser ikolli nghidha bl-Ingliz. A Must Read.
Manuskritt illi jġiegħlek tinqata’ mill-ġenn kollu li hemm madwarna u jerġa’ jġibek f’sikktek! F’dan il-ktieb, Żahra qed iħalli lilna l-qarrejja nesperjenzaw u nkunu parti żgħira mill-avventuri li għadda minnhom f’ħajtu. Żahra għex ħajja sempliċi però rrakkonta ħajtu b’mod spettakolari. Il-karattri fil-maġġoranza tal-kotba donnhom jerġgħu jieħdu l-ħajja għaliex jikkummentaw mill-perspettiva tagħhom fuq ħajtu. Stħajjilt dan il-ktieb bħala l-aħħar biċċa tal-jigsaw puzzle għaliex jgħaqqad u jagħmel referenza għal diversi xogħlijiet li kiteb hu, fosthom ‘Ħolm tal-Milied?
Tmintax-il sena wara 'Stella, Jien u Hu' tasal awtobijogrifija oħra minn Żahra. Tappa wara tappa, episodju wara episodju, il-ktieb ikopri madwar sittin sena mill-ħajja tal-awtur. Ħajja rrakkontata b'mod spettakolari minkejja s-sempliċita tagħha. Matul din l-awtobijografija jikkummentaw uħud mill-karattri l-aktar bikrin mwellda minn Żahra (Kunċett, Marinton, Il-Fenek l-Aħmar...). Sibt interessanti wkoll l-użu ta' ċertu biċċiet awtobijografiċi minn kotba oħra, (d-deskrizzjonijiet tad-dar tan-nanna f'Ħolm tal-Milied...) u l-eloġji żgħar lil nies li sawwru t-tfulija tal-awtur (Dun Salv Galea, Ġużeppi Caruana...) fuq sfond ta' episodji personali (il-bidla minn dar għal oħra...) u oħrajn storici (l-istrajk ta' April 1958...). Għoġobni ħafna imma ma stajtx intih ħames stillel għax ħassejt li seta' kien ftit paġni iqsar u minħabba t-togħma xi ftit melankonika li ħallieli.