Wara l-mewt ta’ ommu, Omar N’ Shea jsib file li donnha kienet ħallithulu apposta biex isibu. “Il-file mimli, imbulmat b’ittri miktubin mill-istess id... organizzati skont id-data ta’ meta nkitbu, bl-ewwel waħda fuq u l-aħħar waħda taħt nett.” Il-file kien rah qabel, snin ilu:
Darba, waqt dagħdigħa bħal tas-soltu biex nara x’se nsib fil-cupboard ta’ taħt, bqajt inqalleb iktar fil-qiegħ u kien ħareġ dal-file li għandi f’idi llum minn ġo basket tal-plastik isfar. Kien bejn files oħra ta’ ditta Amerikana taż-żejt u karti tal-ittri ta’ ditta li m’għadnix niftakarha. It-toqol tal-file kien mill-ewwel tani indikazzjoni li l-kontenut tiegħu kien importanti u li kien qed jinħeba. Ftaħtu immedjatament u mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li kien fih skoss ittri li kien kiteb Otman Salem Otman lil ommi. Il-kitba tiegħu tixbah ftit lil tagħha. Kitbilha ħafna. Kitbilha spiss. Kont naf min kien, però kont rajtu darba biss, u kont għadni wisq żgħir biex niftakar iktar minn dik il-memorja fuġġenti u effimera li għandi ta’ raġel sħaba f’żona tal-moħħ distanti immens. Nassoċjah ma’ dar żgħira l-Gżira li xi kultant ngħaddi minn ħdejha u nħokk mal-ħajt biex inħalli mal-ġakketta ftit trab mit-tmermir tal-faċċata, ma’ banju ilma sħun ifuħ, ma’ qmis bajda mgħoddija. Però l-memorja li għandi tiegħu tieqaf hemm. Ġieli nara ismu f’xi ċertifikat maħruġ mill-Insinwa, ġieli jkolli niktbu meta nkun qed nimla xi formola, u m’ilux staqsewni għalih biex joħorġu ċ-ċertifikat tal-mewt t’ommi. Il-bqija, baħħ.
Minn dawn l-ittri mibgħuta mil-Libja, Omar fl-aħħar jibda jgħaqqad l-istorja ta’ ommu u Otman, jibda jifhem l-aġir tal-familja tiegħu u t-tifsira ta’ ċerti memorji. U hekk kif jibda jimla l-lakuni f’dak li jaf dwaru nnifsu, fl-istorja tiegħu u ta’ niesu, u ta’ min kienu eżattament niesu, jibda jimla wkoll il-lakuni fl-istorja tagħna. L-istorja tibda fis-sebgħinijiet, f’dawk is-snin meta dan il-pajjiż tant qrib tagħna, f’daqqa waħda beda jinħass eqreb minn qatt qabel.
In Es Sidr, the micro becomes the macro. N’Shea’s work traces an individual’s search for personal identity while simultaneously speaking to a postcolonial nation in search of its own and to marginalized communities whose voices were often absent from local literature. The book possesses academic gravitas, yet its more intimate passages are deeply moving in ways that purely academic writing rarely achieves. It is a work to be experienced.
B’xorti kbira, irnexxieli nilħaq it-tnedija ta’ Es Sidr waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, f’Novembru tal-2025. Il-ktieb kien ilu stampat preċiżament ġimgħa, tant li l-linka bilkemm kienet għadha nixfet. F’kantuniera żgħira tal-MFCC, imdawrin mill-istorbju tat-tfal jiġru fil-madwar u tnabar iċekċku, tgeddsu mal-ħamsin ruħ, lesti għal Omar N’Shea biex, għall-ewwel darba fil-pubbliku, jofroq il-paġni tal-ewwel ktieb tiegħu. Waqgħet ħemda perfetta fuq il-folla; kien mument intimu fejn stajt tħoss li kont qed tesperjenza mument importanti għal-letteratura Maltija.
F'dan l-esej/memoir, Omar, b'kuraġġ u vulnerabbiltà kbira, ineżża’ lili nnifsu u jixkef is-saffi kollha li jsawruh. Bħalma ġeologu jikxef “il-blat Ejoċeniku u Oligoċeniku,” kif jirreferi għalihom l-awtur, Omar bil-mod il-mod jibda jiskava u jikxef is-saffi tiegħu — il-klassi, l-orjentazzjoni sesswali, l-etniċità u n-nazzjonalità. Hu jesplora kif dawn jinteraġixxu flimkien, abbażi tat-teorija tal-intersezzjonalità mibdija minn Kimberlé Crenshaw. Din tipprova tifhem kif id-diversi identitajiet soċjali tagħna jinteraġixxu biex joħolqu esperjenza unika ta’ diskriminazzjoni, privileġġ u oppressjoni. Fl-istess waqt, Omar jipprova jifhem lilu nnifsu u “l-proċessi li bihom l-istat jikkontrolla s-suġġettività u jibni n-normattività”. Omar trabba f’kuntest mhux konvenzjonali, u f’dan l-esej jaffronta l-kumplessità li tinħoloq b’riżultat tan-normattività, u l-ġlieda biex tirbaħ is-suġġettività ġewwa fina.
Indirizzat lil ommu Josephine, il-ktieb jiftaħ f’Es Sidr — xi darba villaġġ tas-sajjieda mal-kosta Libjana li eventwalment sar l-ikbar terminal taż-żejt fil-Libja. Minn Es Sidr, il-ktieb itajjarna lejn Malta, ħdejn Omar li qed iżomm “file tad-ditta Dex” f’idejh; file li permezz tiegħu, Omar jiskopri minn fejn ġej in-nofs il-moħbi tiegħu. Hawnhekk tibda l-konnessjoni bejn Malta u l-Libja — konnessjoni li tiġi esplorata tul il-ktieb kemm fuq livell ġeopolitiku, kif ukoll personali, permezz tan-nisġa tal-istorja politika, flimkien mar-rakkont dwar il-ħajja tal-awtur u t’ommu.
Dan il-ktieb huwa opra kbira fid-dokumentazzjoni tal-istorja riċenti ta' Malta. Jirrakkonta r-relazzjonijiet profondi bejn Malta u l-Libja fis-70ijiet u t-80ijat, li għalija kienu kważi qishom mit meta tqabbel lil Malta tal-lum il-ġurnata. Jirrakkonta dwar il-ħaddiema Maltin li kienu jmorru jaħdmu l-Libja fuq ir-riggijiet taż-żejt, il-miġja ta' Gaddafi hawn Malta, u r-relazzjoni fraternali bejnu u bejn Mintoff. Omar jiddokumenta wkoll l-avvenimenti storiċi ta’ dak iż-żmien, sa ma faqqgħet ir-Rebbiegħa Għarbija fl-2011. Jinkludi siltiet minn diskussjonijiet bejn l-Amerka u l-Ingilterra, fin-negozjar tagħhom ma' Gaddafi, li ried jeħles minnhom sabiex iġib pajjiżu fuq saqajh, u mhux taħt il-madmad tal-kolonizzaturi — Ġamaħirija, Libja tal-Libjani, stat tan-nies .
B'mod parallel, naraw ir-relazzjoni bejn ommu (Maltija) u missieru (Libjan) tinbet, u fl-aħħar titmermer fix-xejn. Naraw lil Omar jiġi rriġettat kompletament minn missieru, li ma riedx ikollu x'jaqsam ma' ibnu mwieled qabel iż-żwieġ. Minkejja li ma tantx kien Musulman prattikanti strett, missier Omar xorta waħda kkrolla taħt il-pressjoni tal-kultura konservattiva li sawritu, u baqa' jimponi r-rieda tiegħu fuq martu, li ried jgħawwiġha fil-mara li ried hu, u li fuq kollox ma kinitx. Fl-istess waqt, naraw lil Omar jissielet biex jaċċetta n-nofs Libjan tiegħu — nofs li dam snin twal jaħbih, kemm għax kien ifakkru f’missieru, kif ukoll fin-naħa Għarbija tiegħu, li f’ħafna spazji kienet xi ħaġa ta’ stmerrija.
B’hekk naraw x’ikkawża ħafna taqlib fl-awtur hu u jsir jaf min hu u minn fejn ġej, u narawh jipproċessahom u bil-mod, jaċċettahom.
Apparti dan, Es Sidr huwa xogħol seminali fuq l-eżistenza queer. Apparti li Omar huwa omosesswali, ommu wkoll kienet liżbjana, u dan minkejja li żżewġet lil missieru. Omar jipprova jifhem x'wassalha għal dan it-traġitt, u jissoponi li setgħet kienet il-pressjoni tar-raġel tagħha li dejqitha, u tellfitilha kull interess fl-irġiel.
Omar jiddiskuti wkoll l-omosesswalità f'soċjetà li ma tittollerahiex. Waqt li kienu jiġu ħafna Libjani queer hawn Malta biex iħossuhom liberi, meta kienu jmorru lura pajjiżhom, kienu jaħbu lilhom infushom kompletament. Kif qal ħabib Libjan omosesswali ta' Omar: "...l-ġlieda hija biss kontra Gaddafi bħalissa… M'hemmx spazju jew ċans għal ħaġa oħra."
Omar jirrifletti wkoll fuq il-klassi tal-ħaddiema li ġie minnha, u jirrikonċiljaha mal-identitajiet soċjali l-oħra li sawruh. Jirrifletti kif kien juża identità biex jgħatti oħra li kien jistħi minnha. Pereżempju, meta kien imur St Edwards, kien juża kunjomu Libjan biex jgħatti l-klassi tal-ħaddiem Malti li ġej minnha. Inkella, ġewwa Pariġi, il-fatt li kien Għarbi sar fattur attraenti fix-xena queer, u ħa vantaġġ ta’ dan, fejn qabel kien jagħmel minn kollox biex jaħbih.
Bla dubju, dan huwa xogħol seminali fl-istudju tal-intersezzjonalità f’Malta.
Apparti minn hekk, Omar jikteb b’Malti tassew irfinat, u fl-istess ħin għandu kapaċità kbira biex joħroġ il-flessibilità tal-lingwa Maltija — ħaġa li ħafna ma jimmaġinawhiex possibbli. Minħabba l-kitba mirquma tiegħu, dan il-ktieb jaf għall-bidu ssibu diffiċli biex taqrah, jekk tkun imdorri taqra kotba ħfief jew ma tkunx ippreparat biex taqra dwar l-istorja ġeopolitika.
Dan ix-xogħol onest ċarament ħiereġ mill-fond nett ta’ Omar. Huwa proġett li bla dubju sar b’ħafna mħabba u reqqa. Dan jidher ukoll fil-pubblikazzjoni tal-ktieb innifsu, ippubblikat mill-ġurnal letterarju Aphroconfuso. Laqtitni ħafna l-aħħar paġna tal-ktieb, fejn il-pubblikaturi jagħtuna ċ-ċans li nittawlu għal ftit lejn il-proċess tal-istampar. Jgħidulna x’tipa intużat, it-tip ta’ karta, meta u fejn ġie stampat u kemm il-tiratura saret — 400 biex inkunu preċiżi. Bla dubju li għad naraw it-tieni edizzjoni tiegħu, b’ferm iżjed tiraturi.
Dan il ktieb huwa xi ħaġa sabiħa li ġie rregalat 'l letteratura Maltija. Il-kliem ibennek x'imkien sabiħ fil-kitba tiegħu.
F'kull frażi hemm ħsieb, kunsiderazzjoni, mistoqsija..mżewqa b'rakkonti u sfondi politiċi (rrakkuntati b' ton u vokabularju li jżommok tqalleb paġna wara oħra) ta' dak kollu li jista' jkisser, iżewwaq, sabiex fl-aħħar isawwar bniedem.
Fil-ktieb hemm sbuħija emottiva kbira li hija tant rari f' dinja li waqfet milli taħseb u minflok tinfena tipponta s swaba flok tifhem lil xulxin.