Meta l-ġurnalist Samwel Vella jintalab jikteb artiklu dwar il-Milied f’Malta, jiddeċiedi li jiktbu fuq il-presepju Malti. Imma meta jmur ikellem lil missieru u ommu dwar il-presepju li kien għamel nannuh Franġisk, jgħidulu nofs diskors, qishom qed iżommu milli jgħidulu xi ħaġa. U meta jibagħtuh għand ħabib ta’ nannuh, Karmenu, li kien jagħmel il-pasturi, il-mistoqsijiet flok jonqsu, jiżdiedu.
Għaliex in-nannu Franġisk kien għamel irdum fil-presepju tiegħu? X’kien qiegħed jiġri sewwasew mill-pasturi fil-presepju tan-nannu? X’sehem kellhom fil-presepju tan-nannu, ir-Rieqed, l-Għaġeb, ix-Xabbatur u l-Adoratur? U fuq kollow il-Gawgaw, x’kellu x’jaqsam ma’ dan kollu?
Ippreparaw ruħkom biex, flimkien ma’ Sam u Stefi, tiedħlu fi storja tal-Milied li teħodna fid-dinja msaħħra tal-pasturi tal-presepju Malti, imżewqa bi tradizzjoni, nostalġija u għożża għas-sengħa tal-pasturara.
Huwa rakkont meqjus b’ingredjenti differenti li nassoċjaw ruħna magħhom f’dan iż-żmien. L-storja hi mexxeja u tħallik kurjuż biex tiskopri aktar. Kull karattru għandu kalejdoskopju ta’ kuluri, anke l-Gawgaw li forsi jidher l-aktar monokromu għandu x’jgħid. U xi ngħidu għar-Rieqed, il-Kaċċatur jew l-Adoratur. J’Alla l-fanal tat-tama jkompli jkun hu l-gwida wara dan ir-rakkont li jagħti bixra ġdida fuq il-ġrajja tant għażiża għan-nisrani.