Il-kumpanija MASKRI tipprezenta HMISTAX-IL NUMRU - kummiedja, farsa u tragedja miktuba min-Natura Umana produzzjoni u direzzjoni tad-Destin u pprezentata bil-permess u bil-koperazzjoni tad-Dipartiment tal-Hajja.
Trevor Żahra, twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Diċembru 1947; bin Walter u Ġuża nee Caruana. Trevor huwa t-tielet minn erba’ aħwa. Huwa studja fl-iskola Sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u s-Sitt Klassi fil-Liċeo. Fl-1966 daħal jaħdem għal żmien qasir mal-istazzjoni tat-TV lokali, bħala script writer. Kien ukoll jipproduċi programmi għat-tfal u jagħmel xogħol ta’ Presentation Officer. Fl-1967 daħal il-Kulleġġ ta’ l-Għalliema fejn wara kors ta’ sentejn beda jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji. Illum huwa jinsab irtirat wara karriera ta’ 33 sena.
Trevor iżżewweg lil Stella nee Agius fl-1971 u kellhom żewgt itfal: Ruben u Marija. Stella mietet fl-1989 u llum Trevor huwa armel. Ta’ eta’ żgħira beda jinteressa ruħu fil-kitba u l-Arti. Ippubblika l-ewwel poeżiji tiegħu f’The Children’s Own, fil-ġurnal Il-Berqa u f’għadd ta’ rivisti. Bejn is-7 snin u d-19-il sena kien membru tal-Azzjoni Kattolika taż-Żejtun, fejn bħala tifel kien attiv ħafna fil-palk, jirreċta, ipinġi x-xenarju u jikteb il-fares, idoqq fi grupp ta’ mużika pop kif ukoll kien jeditja rivista ċkejkna bejn il-membri. Fost l-ewwel kitba tiegħu li għad fadal minn dan il-perijodu nsibu Il-Praspar ta’ Kunċett u Marinton li bosta minnhom Żahra kitibhom meta kien fir-raba’ sena ta’ l-iskola sekondarja.
Fl-1971 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Il-Pulena tad-Deheb. Dan il-ktieb kiseb suċċess immedjat u Żahra minnufih inxteħet fil-qasam tal-kitba għat-tfal b’impenn kbir. Iżda huwa qatt ma waqaf mill-kitba adulta. Fl-1972 ippubblika l-ġabra ta’ poeżiji Eden. Fl-1973 ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu Is-Surmast, rumanz li għoxrin sena wara Żahra adattah għall-palk . Fl-1974, ippubblika r-rumanz Taħt il-Weraq tal-Palm li kien rebaħ l-ewwel premju f’konkors imniedi mill-Klabb Kotba Maltin. Minn dak iż-żmien ’l hawn Żahra baqa’ jippubblika simultanjament kemm kotba għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Żahra ppubblika l-ewwel workbooks f’Malta għat-tfal għat-tagħlim tal-Malti. Il-kotba tiegħu, bejn kotba ċkejknin għat-tfal iż-żgħar, traduzzjonijiet kif ukoll letteratura għall-kbar, llum ilaħħqu ’l fuq minn 130.
Żahra huwa rebbieħ ta’ bosta premjijiet letterarji prestiġjużi; biżżejjed insemmu li għal 13-il darba kellu kotba rebbieħa fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. F’Diċembru 2004, l-Eċċ.T. il-President ta’ Malta iddekorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’riżq il-letteratura għat-tfal. F’Ottubru 2008, huwa rebaħ it-taqsima “Arti u Divertiment” tal-Johnnie Walker Man of the Year.
Żahra kiteb ukoll diversi xogħlijiet għall-palk, kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Ħafna mnn dawn ix-xogħlijiet, jinsabu f’dan is-sit fit-taqsima Reċti. Id-dramm tiegħu Is-Surmast (ibbażat fuq ir-rumanz fl-istess isem) ittella’ fit-Teatru Manoel fl-1994 u fl-1995, kif ukoll fit-Teatru tal-Univisersità fl-2009. Id-dramm Ħanut tal-Ħelu, ittella’ wkoll fit-Teatru Manoel fl-1995. Id-dramm Minn Wara ż-Żipp ittella’ fit-Teatru Manoel fl-2007 u fit-Teatru tal-Università fl-2008. Għal aktar dettalji ara t-taqsima Kotba.
Żahra attenda wkoll diversi seminars barra minn Malta, fosthom fil-Fillandja, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Greċja. Fil-Ġermanja huwa ta workshops lil grupp ta’ tfal Taljani, Ġermaniżi u Maltin dwar il-kitba kreattiva. Minbarra li huwa impenjat bis-sħiħ bil-kotba tiegħu, Żahra huwa attiv sewwa fil-qasam kulturali, iżur ħafna skejjel fejn ikellem lit-tfal, lill-ġenerituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi korsijiet dwar is-sengħa tal-kitba.
Ktieb illi laqatni hafna. Jista' jkun ukoll ghax kont ilni hafna ma naqra bil-Malti...specjalment kitbiet ta' dan l-awtur. L-istil tal-kitba u l-istruttura ta' l-storja huma originali u interessanti hafna. Zahra igeghlna nevalwaw 15 -il persuna b'2 lentijiet differenti u sal-ahhar il-qarrej jipprova jqabbel in-numru mal-individwu....u f'xi kazijiet minnhom thossok sodisfatt li jirnexxilek taqta'..izda ohrajn jissorprenduk..u forsi l-idea tal-awtur kienet propju li jgeghlek tisthi mill-pregudizzju tieghek stess. Izda fuq kollox dan il-ktieb ifakkrek illi ma jezisti l-ebda bniedem tajjeb jew hazin...imma kull persuna ghandha t-taghbija u l-istorja taghha kif ukoll qalb u mohh li rari jkunu qed jimxu id f'id. Il-'qorti-teatru' li jsemmi l-awtur huwa daqshekk kiefer propju ghax huwa maghmul minn persuni ohra li jsibuha facli jiffukaw fuq li minghalihom qed jaraw u jifhmu, sabiex ikunu jistghu jinsew it-taghbija taghhom stess.
Rumanz kult mill-aqwa. Logħba psikoloġika bejn il-qarrej u 15-il persuna li jiltaqgħu kuljum fl-istess uffiċju. Karattri mirquma, preżentati bil-pinna fina ta' Zahra. Fl-ewwel parti nsiru nafu lil dawn il-karattri u s-sigrieti li jġorru mhux b'isimhom imma b'numru. Fit-tieni parti l-awtur jagħtina l-karattri b'isimhom u awtomatikament l-qarrej jindaga biex jaqta' min hu min. Il-karattri kollha jġorru s-sigrieti taghhom u minkejja li ħareg fl-1977 jitratta aspetti li għadhom relevanti sal-lum bħall-orjentazzjoni sesswali jew l-adozzjoni. Fl-aħħar Zahra idur lejn il-qarrej u jniggzu fuq il-preġudizzju tiegħu.