Ir-rumanz debuttanti ta' Ryan Falzon, b'mod mexxej u onest tani biljett tad-dħul fil-ħajja ta' ġenerazzjoni qrib tiegħi, u tant 'il bogħod, li minkejja kollox tgħaddi mill-angst eżistenzjali ta' dejjem fit-trejqiet imħarbta li jkollna ngħaddu minnhom, fosthom tal-imħabba, tal-appartenenza, ta' x'sens għandha din il-ħajja. Sajf jiftaħ dawn il-mistoqsijiet kollha, u aktar. Ġenjali l-użu tal-listi li juża n-narratur tagħna, bla isem, fejn iniżżel l-affarijiet li qed jaħseb dwarhom f'eżerċizzju ta' ħsieb liberu. U t-tqabbiliet li jagħmel, fejn drabi jolqot il-likk b'vokabularju ġdid u frisk, u drabi oħra jħallik tistaqsi hux qed jitmejjel bik. Dan għalija huwa l-ktieb Malti tas-sena.
Prosit ukoll lil Kotba Calleja tal-pubblikazzjoni, teknikament impekkabbli - ħasra li hemm wisq żbalji fit-test li kellhom jinqabdu mill-qarrejja tal-provi. B'dan il-ktieb Kotba Calleja jistabbilixxu ruħhom fil-qalba tal-letteratura kontemporanja relevanti u li għandha tinstema'.