Matthew Schembri's Blog - Posts Tagged "ħassartek"

'Ħassartek': Wara l-Kwinti (1)

“X’tagħmel li kieku bħala rigal taqla’ kamera –”

Ieqaf hemm, Sven! (ftit kuntest: Sven huwa l-protagonist tar-rumanz debutt tiegħi, Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba — Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 — organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — u ppubblikat fl-2018 minn Merlin Publishers).

Ma nagħtihx tort lil Sven jaħseb li jrid jitkellem hu, għax Ħassartek hu Stessi imma fl-istess ħin mhuwiex — iktar fuq dan il-punt iktar tard.

Għalissa, imma, l-importanti hu li, din id-darba, mhux se jerġa’ jitkellem Sven Spagnol.

Se nitkellem jien.

U allura, skużawni, imma se jkolli nerġa’ nibda mill-bidu (Tqaħqiħa).

Issa: X’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

Imma, le. Irridu nibdew mill-bidu bidu. Jew se ngħidu kollox jew xejn.

Il-bidu bidu suppost kellu jkun it-tmiem tiegħi.

Il-verità hi li Stessi ma kellix narah ippubblikat.

Fil-perjodu bejn l-editjar u l-ippubblikar tiegħu, għal raġunijiet li mhumiex tiegħi biex nikxef, iddeċidejt li mmut. U kważi rnexxieli. Imma għadni hawn. U li għadni hawn hija importanti ħafna, għax kieku m’hawnx Ħassartek lanqas. U lanqas fil-forma li jinsab fiha ...

Iktar informazzjoni dwar Ħassartek: https://www.matthewschembri.com/books...

Ħassartek by Matthew Schembri
 •  0 comments  •  flag
Share on Twitter
Published on November 22, 2021 10:05 Tags: ħassartek

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (2)

Sewwa. Issa li, fil-bloggata ta’ qabel neħħejt balla kbira minn fuq l-istonku: x’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

Ma nixtieqx nirromantiċizza wisq ir-writers block, għax, fil-verità, wara li ħriġt mill-isptar u bdejt nattendi l-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, ma waqaftx nippjana f’moħħi dwar storja li kienet ilha tberren fih sa mill-2015 (nittama li ssiru tafu biha dalwaqt).

Imma nippjana f’moħħi biss. Mhux nikteb. U kittieb mhux kittieb jekk ma jiktibx.

Għall-ewwel ma stajtx nikteb mil-lat mentali. X’se taqbad tikteb wara li l-ewwel rumanz tiegħek rebaħ premju prestiġjuż? Ġie ppubblikat? Kif se tikteb xi ħaġa aħjar? Aqwa? U l-qarrejja?

Owkej, owkej, nistħajlek tgħidli: “Kemm qed tgħaġġibha!”

Veru. Imma xorta tibqa’ l-verità.

Imbagħad bdiet l-għeja. Għeja mingħajr ma nagħmel xejn. U wġigħ ma’ ġismi kollu. Minn imkien. It-tnejn dejjem jiżdiedu. L-isptar sar id-dar. Nitlef il-lekċers tad-Diploma bl-addoċċ. U, l-agħar fosthom, ħadd — imma ħadd — ma jista’ jgħidli x’għandi. L-ebda tabib, l-ebda professur, l-ebda test mediku ...

Wara ħafna trietaq, imma: il-fybromyalgia. Dik kienet. Wisq probabbli riżultat tal-attentat li semmejt qabel, jew tat-trawma li għaddejt minnha bil-kanċer li ħakem lil ommi u qatilha. Qed insemmi dan kollu għax huwa relevanti għal ‘Ħassartek’, imma wkoll, għax bħas-saħħa mentali, il-kundizzjoni tal-fybromyalgia għandna bżonn nitkellmu iktar dwarha. Hemm bżonn iktar għajnuna fejn jidħlu dawn il-kundizzjonijiet. U min jgħidli li hemm għajnuna, ngħidlu: mhux biżżejjed. Qatt mhu biżżejjed.

Hu x’inhu, issa żgur ma stajtx nikteb, lanqas fiżikament. Qattajt xhur fis-sodda, għajjien, muġugħ, nista’ nisma’ biss l-audiobooks, nistennew, jien u missieri, li forsi xi wieħed mill-bosta esperimenti mediċinali jagħmel xi miraklu (li ma nemminx bihom, bħala ateu pur)
u jibda jgħin (għax xejn ma jista’ jfejjaq din il-kundizzjoni) ...

U, allura, hawnhekk missejna ma’ tmiem ieħor f’forma oħra.

Żgur qatt ma kien se jirnexxili nikteb aktar. Nagħmel iktar wirjiet tal-arti.

Kif stajt, meta lanqas kelli saħħa nagħmel ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum?

Għadni sal-lum ma nistax nemmen kif temmejt il-kors tad-Diploma b’suċċess. Jew forsi naf — bis-saħħa ta’ missieri, tal-letturi, tal-istudenti-sħabi u ta’ ftit oħrajn li baqgħu. U, waqt li d-dinja kollha bdiet timrad, saħħti bdiet sejra dejjem għall-aħjar. Il-proġett aħħari tad-Diploma, issa online minħabba l-pandemija, kien jinvolvi l-interpretazzjoni ta’ xogħol letterarju u l-preżentazzjoni kreattiva tiegħu ...

Ħassartek by Matthew Schembri
1 like ·   •  0 comments  •  flag
Share on Twitter
Published on November 23, 2021 10:15 Tags: ħassartek

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (3)

U, b’hekk, wara l-aħħar bloggata, nerġa’: x’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

It-tweġiba li sibt jiena, f’dan il-punt, kienet it-tħassir.

Iddeċidejt li nibda nħassar partijiet minn Stessi. Għall-ewwel b’sens ta’ rabja, ta’ tpattija, ta’ protesta, ta’ qerda ... kont se nurih xi nfisser lil dar-rumanz li, minħabba fih, fost l-oħrajn, ma stajtx nikteb ... biss jien u nħassar u nirriċerka, skoprejt li dak li kont qed nagħmel kien fil-fatt jaqa’ taħt il-kappa tal-ġeneru tal-poeżija tat-tħassir.

(hawnhekk waqaft mill-kitba għax kien sar il-ħin u għejejt u qabadni n-ngħas) ...

(u hawnhekk suppost kelli nkompli nikteb imma qomt u minflok weġibt l-emails u l-messaġġi u bgħatt xi informazzjoni fuq il-ktieb dwar artiklu lil Newsbook, erġajt komplejt bil-korrispondenza, imbagħad sar il-ħin biex immorru l-festival, u, wara li ġejna, kilt, biddilt, inħsilt ... u issa, fis-sodda ...

erġajt qed niċċassa lejn il-laptop, il-kliem ta’ dad-dokument iħarsu lura lejja ...)

Ara, ħa mmur lura għall-punt, għax, żgur mhux forsi, dejjaqtek ġej biha — ridt biss inkun mill-iktar onest miegħek (se nerġa’ ndur fuq il-punt tal-onestà dalwaqt).

Paragrafu mir-riċerka: Il-poeżija tat-tħassir hija forma ta’ poeżija misjuba fejn poeta-artist jieħu test eżistenti jew sors oriġinali (bħal artiklu minn gazzetta, paġna minn rumanz, ittra, eċċ.) u jħassar, jgħatti bl-iswed, jew joskura porzjon kbir tat-test. B’hekk joħloq xogħol poetiku “ġdid” mill-kliem li jibqa’ tat-test antik (poets.org, 2018).

U allura, din ir-riċerka bidlitli kompletament il-perspettiva tal-att li kont qed nagħmel fuq Stessi. Sa ċertu punt, iva, kont qed neqred. Imma kont qed noħloq ukoll.

Sakemm ġejt biex nagħti l-preżentazzjoni tad-Diploma, kont ħassart għadd ta’ paġni minn Stessi u ppreżentajthom flimkien mar-riċerka fuq il-ġeneru. Imma qgħadt b’seba’ għajnejn liema minnhom ippreżentajt.

Ir-rispons tal-letturi u tal-istudenti-sħabi, għalija, kien ta’ barra minn hawn. Nibqa’ grat ħafna lejhom.

Irrealizzajt li dan il-proġett kien hawn bżonnu. Kien importanti.

U għalkemm fi żmien il-preżentazzjoni kien ġa rnexxieli nixref xi ftit min-nixfa tal-kitba, iddeċidejt li l-paġni ta’ dal-ktieb kellhom jitħassru kollha – parzjalment – biex minn kull paġna (321 b’kollox) noħroġ poeżija tat-tħassir.

Għamilt sajf kwarantina, nagħżel il-kliem u nħassar kuljum, sakemm sawwart l-ewwel abbozz — inkluż dawk il-poeżiji li ħbejt mill-preżentazzjoni tad-Diploma.

Għalfejn ħbejthom? Ma kontx għadni lest li nuri li l-maħbub immaġinarju tiegħi kellu l-‘a’ aħħarija nieqsa. Issa lest? Sinċerament, ma nafx. Qatt tista’ tkun lest lest? Li naf li, fil-poeżiji — il-ġeneru li bdejt nikteb bih — ma nafx ma nkunx onest. Kelli żewġ toroq quddiemi: l-artifiċjalità jew l-onestà. Għażilt tal-aħħar — awtomatikament. U llum nemmen li, b’din l-għażla, ix-xogħol gawda ħafna iktar. Il-qarrejja, b’hekk, qed igawdu u se jgawdu ħafna aktar ukoll.

Il-poeżija, allura, talbitni biex ninża’ għarwien quddiem kulħadd. Iktar milli ninża’. Imma mat-tneżżigħ, tiġi wkoll il-libertà. U dan ix-xogħol, bla dubju, illiberani. Minn fejn ġiet din is-saħħa barranija? Il-kitba hija l-ewwel ilsien tiegħi, dak li bih inħossni l-iktar komdu nikkomunika — forsi hawnhekk tinsab it-tweġiba għal din il-mistoqsija.

Ma nafx lanqas, imma, kif sibt il-kuraġġ li naqsam dan l-abbozz ma’ ħadd ħlief Maria Grech Ganado (waħda mill-idoli letterarji lokali tiegħi — kbira fit-talent daqskemm fl-umiltà). U hawnhekk sibt iktar inkoraġġiment — u mingħand min!

Sadanittant: il-proġett sar wisq importanti għalija. Ħassejt li ma stajtx ma nurix dan il-vjaġġ letterarju tiegħi — bilfors kelli nippubblika t-tħassira tal-ewwel rumanz, qabel nippubblika t-tieni wieħed (nispera). Fl-istess ħin, dawk l-intoppi kollha li semmejt, żammewni wkoll lura milli nagħmel wirja tal-arti: allura, staqsejt lili nnifsi: “min jaf li kieku stajt norbot din il-pubblikazzjoni mad-dinja tal-arti viżiva?”

Kelli bżonn editur. Għażla ħafifa, Glen. Kellimtu. Aċċetta. Ħolma. Kelli bżonn kuratur. Għażla oħra ħafifa, Raphael. Kellimtu wkoll. Aċċetta wkoll. Ħolma wkoll. Napplika għall-fondi? Il-pandemija waqfet kollox. Pawża. Stennejna. Ktibt aktar. Is-sejħa għall-fondi reġgħet ħarġet. Applikajt. Stennejna. Ktibt aktar. Ħareġ ir-riżultat. Il-Kunsill Malti għall-Arti għażel li jgħin lil dan il-proġett!

Nifs kbir ’il barra, ta’ ferħ (mhux issa, dakinhar li ħareġ ir-riżultat).

Beda l-proċess tal-editjar. Żmien sabiħ u intensiv. Bis-saħħa ta’ Glen, għattejt salt partiċelli, artikli, u xi klixejiet, u kxift numru sabiħ ta’ kliem, xbihat, vuċijiet. B’kollox ħassart xi tmien verżjonijiet ta’ Stessi sakemm wasalna għal dik aħħarija, Ħassartek li ġiet stampata biex tilħaq tinbigħ waqt il-Festival tal-Ktieb 2021 ...

U issa għadda wkoll. U ma nistax nemmen.

Stessi tħassar fi żmien li ħassar ħafna pjanijiet. Fi żmien li ħafna xtaqu u jixtiequ jħassru mill-memorja. Hija ironika kif b’att li jgħatti, kxift dan kollu ...

U wara l-festival?

Il-wirja tal-arti, hux, ikkurata minn Raphael Vella u li se ssir fi Studio Solipsis mis-26 ta’ Novembru sas-26 ta’ Diċembru 2021.

Imma qabel, għar-raqda.

Ħassartek by Matthew Schembri
 •  0 comments  •  flag
Share on Twitter
Published on November 25, 2021 11:31 Tags: ħassartek