Il-Każ Manduca
Dan huwa l-ktieb li jlaqqagħna l-ewwel darba ma’ Irvin Vella, żagħżugħ li wara li temm l-iskola, iddeċieda li jipprova jsir investigatur privat. Waqt li għaddej jistudja u jagħmel l-eżamijiet biex iġib liċenzja t’investigatur privat maħruġa mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija, Irvin jieħu xi biċċa xogħol ‘l hawn u ‘l hemm biex ikun jista’ jikseb ftit esperjenza.
F’din l-istorja, Irvin isib ruħu jagħmel stħarriġ ġewwa villa antikissima fir-Rabat, Villa Manduca. Iż-żewġt aħwa xjuħ li jgħixu f’din il-villa, il-Barunessi Domenica u Rita Manduca, qalulu li qed jidrilhom il-ħares ta’ nannuhom Rikkardu, li issa ilu mejjet għexieren ta’ snin. Kull darba li jidrilhom, jisħaq magħhom li jridhom ifittxu jitilqu minn dik id-dar.
Bl-għajnuna ta’ Luca u Laura, aħwa tewmin u kuġini t’Irvin, l-investigatur żagħżugħ (u wikkiel) jieħu dan il-każ f’idejh. Jirnexxielu jiskopri x’qed jiġri?
Il-Każ Manduca jirbaħ il-Premju Nazzjonali Tal-Ktieb 2016
Il-Każ Manduca kien ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2015. Fl-2016, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Premju Terramaxka) fil-kategorija Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena) u minn dakinhar diġa’ wasal fit-tielet edizzjoni. Ħafna skejjel madwar Malta qed iżiduh bħala wieħed mill-kotba li jinqraw fil-kurrikulu tal-Malti, speċjalment fl-ewwel snin tas-sekondarja.
[image error]
Il-qoxra u l-illustrazzjonijiet li għandu l-ktieb ukoll kisbu suċċess kbir. Dawn huma xogħol Lisa Falzon, illustratriċi bravissima li tat wiċċ lill-karattri ewlenin tas-sensiela u li rebħet ukoll bosta premjijiet marbutin mal-illustrazzjonijiet tagħha ta’ Irvin Vella.
Ir-reazzjoni tal-qarrejja
Ir-reazzjonijiet għad-debut ta’ Irvin Vella kienu pożittivi ħafna. Il-Każ Manduca igawdi minn riċensjonijiet tassew tajbin fuq Goodreads. Aqra ftit minnhom hawn taħt:
Click to view slideshow.
Ixtri l-ktieb
Titħajjar taqrah? Il-Każ Manduca jista’ jinxtara online minn hawn.


