It-Tielet Qamar
It-Tielet Qamar huwa l-ewwel ktieb li ppubblikajt. Beda minn taħżiża li għamilt xi mkien lejn l-2003, u l-ktieb ħareġ għall-bejgħ fl-2008. Ngħożżu għax kien pass kbir, f’ħafna aspetti. Tgħallimt ħafna lezzjonijiet importanti dwar il-kitba, x’għandek tagħmel, u aktar importanti minn hekk, dak li ‘m’għandekx tagħmel. B’dan il-ktieb wettaqt ħolma, xi ħaġa li kien ilni nixtieq u li għaddast rasi u għamiltha.
[image error]
Minn dakinhar, l-ewwel edizzjoni (li ppubblikajt għal rasi) ġiet mibjugħa kollha u t-tieni edizzjoni (2010), din id-darba ppubblikata minn Merlin Publishers, kienet suċċess kbir ukoll ma’ dawk kollha li jħobbu l-ġeneru tal-fantasija.
Dwar l-istorja
It-Tielet Qamar ilaqqana ma’ Xon, Marku u Riku, tliet iħbieb li għandhom ħmistax-il sena u li jgħixu kollha fl-istess raħal. In-nannu ta’ Xon, xwejjaħ ta’ ħamsa u desgħin sena, imut ħabta u sabta fil-bidu nett tal-ktieb, u tkun din il-mewt li tagħti bidu għall-vjaġġ mhux tas-soltu ta’ dawn it-tlett protagonisti.
Bl-għajnuna ta’ muftieħ speċjali u kitbiet li jħallilhom in-nannu ta’ Xon, jirnexxielhom isibu bieb misterjuż li jinfed bejn id-dinja tagħna u dinja tixbahha, li ġġib l-isem ta’ Qim. F’din id-dinja parallela, hemm poplu antik jistennihom, u avventura kbira li se tħallihom bla nifs.
Il-Premju Ġieħ Ħad-Dingli 2008
[image error]
F’Settembru tal-2008, ġejt mogħti l-ewwel premju b’rabta mal-letteratura. Dan kien il-premju Ġieħ Ħad-Dingli, mogħti mill-Kunsill Lokali ta’ raħal twelidi. Kien premju li ma stennejtx, li ġegħelni nistħi mmens għax kelli nitkellem quddiem pjazza nies għall-ewwel darba f’għomri, u li għamilni kburi ħafna – kemm għax ħassejtni apprezzat minn Dinglin bħali u kemm għax f’dak il-mument irealizzajt li bil-kitba tiegħi nista’ b’xi mod inkun ta’ għajnuna għall-komunità li ngħix fiha.
Ir-reazzjoni tal-qarrejja
It-Tielet Qamar kiseb suċċess għax il-ġeneru tal-fantażija mhuwiex wieħed popolari ħafna mal-kittieba Maltin, u hawn għatx għal materjal hekk fost dawk li jħobbu dan il-ġeneru. Kien hemm bosta ġurnalisti li għamlu riċensjonijiet tal-ktieb u anki studenti li analizzaw l-istorja fid-dettal.
[image error]
Ħafna qarrejja taw reviews pożittivi għall-ktieb fuq Goodreads, bħal dan il-kumment t’hawn fuq tal-awtriċi Lara Calleja li apprezzajt bil-kbir.
Matul is-snin, irċivejt u għadni nirċievi ħafna messaġġi privati dwar dan l-ewwel ktieb tiegħi, u kull messaġġ ngħożżu għax nitgħallem dejjem minn kif l-istorja laqtet lil qarrejja differenti b’modi differenti.
Ixtri l-ktieb
Titħajjar taqrah? Il-Każ Manduca jista’ jinxtara online minn hawn.
Il-Kotba kollha fis-sensiela Il-Logħba tal-Allat huma dawn:
It-Tielet Qamar
L-Aħħar Ħolma
Is-Sitt Aħwa


