id-diskors li ma nqarax: il-premju għall-aħjar awtur emerġenti 2022

ħolma.

bix-xieraq li dan id-diskors nibdieh b’din il-kelma.
għax kollox jibda b’ħolma.

pawża

u issa se naqralkom dan id-diskors.
naturalment, kelli nikteb.

li nikteb.
il-bżonn li nikteb.
il-gost li nikteb.
il-mhux-gost li nikteb.

sorpriża: hekk kont qed nagħmel meta

14.10.22

ċempel il-mowbajl. x’kien kien ħdejja? hello.
hello. jien matthew borg mill-kunsill.

ħsibt, irid isaqsini xi ħaġa dwar ħassartek.

għandi aħbar sabiħa għalik, matthew.
inti





onorat ħafna, niftakarni ngħid.
u, meta qtajt, inħares lejn l-iskrin tal-laptop.

u nara li l-aħħar kelma li kont ktibt kienet rebbieħ.

u kont wasalt f’paġna 22.

matthew dakinhar kellu jimlieli l-lakuni ta’ bejniethom.
matthew, inti r-

flashback
11-il sena


forsi iżgħar

ġurnata magħluq f’kamarti. naqra qrempuċu f’belt il-ġobon.
għajnejja ma jistgħux ilaħħqu ma’ dak li qed jaqraw.
immeraviljat.
ċert.

xi darba rrid insir bħal trevor żahra.

mhux kittieb.

le, bħal trevor żahra.

flashback
14.10.22


inti r-rebbieħ tal-premju għall-aħjar

konxju ħafna li premju bħal dan huwa konfluwenza ta’ fortuna u opportunità.

il-fortuna ma fiha xejn interessanti.
allura, ejja nitkellmu fuq l-opportunità.
ma nistax nagħmel dan mingħajr ma naħseb fl-aġenzija żgħażagħ.
f’taħżiż. f’leħen il-malti.

imma ejja nitkellmu wkoll fuq ix-xogħol.
kif ċert li tafu intom, sħabi-kollegi, dan huwa xogħol iebes.
xogħol iebes ħafna.
u ħdimt fl-iebes għal ħafna ħafna snin.

ħafna jħobbu jgħiduli l-frażi ‘għadek żgħir’.
jien qatt ma ħassejtni ‘żgħir’.
ma tistax tħossok żgħir meta tkun ilek

flashback
minn 11 sa 22 sena


tikteb manuskritt. tibagħtu lil pubblikatur. ma jaċċettahx.
tikteb manuskritt. tissottomettih.
tikteb --
irrepeti.

irrepeti.

emmen fik innifsek.
imma jien, f’dan iż-żmien, ma kellix il-kuraġġ li nemmen fija nnifsi.
kont fortunat li sibt lil xi ħadd li tani dan il-kuraġġ mill-bogħod.
mara li għallmitni biex ma nibżax inkun u nikteb dak li jien.

u emmint fija nnifsi.

jien ma nemminx fl-ispirazzjoni, imma nemmen fid-dixxiplina. fil-perseveranza.
jiena sempliċement inħobb nagħmel dak li nagħmel. sempliċement naħdem.

nittama.

sakemm.

flashback
2016


tikteb manuskritt. tissottomettih għall-konkors ta’ kitba letteratura għaż-żgħażagħ. jintgħażel.

stessi.

u hawn nerġgħu niltaqgħu ma’ dik il-kelma: opportunità.
aġenżija żgħażagħ. kunsill nazzjonali tal-ktieb. merlin publishers. chris gruppetta.
il-ferħ li tara l-ewwel ktieb tiegħek fuq l-ixkafef huwa ...

2022

premjijiet bħal dawn jagħtuk l-impressjoni li tista’ tmiss is-sħab.
biss, premjijiet bħal dawn, ukoll, mhumiex tat-tajjar. huma tqal. tqal ħafna.

flashback
2021


minn hawnhekk twieled ħassartek
minn diversi bnadi oħra.
imma minn hawnhekk ukoll.
x’tagħmel meta ma tkunx tista’ tikteb? minħabba dan il-piż? u ieħor fiżiku?
naturalment, tħassar dak li ktibt.
partijiet minn dak li ktibt.
u terġa’ tippubblikahom.

l-opportunità, din id-darba: id-dipartiment tal-malti. il-kunsill malti għall-arti. studio solipsis. glen calleja.

il-preżent

mhux se nsemmi iktar ismijiet.
għax hemm ħafna.
hemm iktar milli qatt ħsibt li jista’ jkun hemm.
u ta’ dan ninsab tant grat li, jien u nikteb, inħoss qalbi se tinfaqa’.
nikkommovi ruħi meta naħseb fil-merħba sabiħa li tatni din il-komunità. intom.
u hawnhekk ma nistax ma naħsibx ukoll f’inizjamed.

u ovvjament, il-bord tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb.

kont tal-fehma li mhux għaqli li toħroġ ktieb-esperiment.
il-bord, b’dan il-premju, qed jurini mod ieħor.
bih inħossni li, kreattivament, nista’ nagħmel li rrid.
tal-inqas, qabel ikellimni l-editur ... u d-disinjatur ... u l-qarrej tal-provi. U –
fhimtuni.

U, ovvjament, ma nistax ma naħsibx ukoll fil-ġurija.

flashback
2021


ħassartek jiġi nnominat fil-kategorija tal-poeżija u

il-preżent

nixtieq ngħid li din in-nominazzjoni fissret – tfisser – iktar mid-dinja għalija.
li xogħli ġie mpoġġi biswit dak ta’ tliet ġganti – nadia, norbert, is-sur england – u meta jien għadni biss fetu, ifisser l-univers għalija.

allura tistgħu forsi timmaġinaw kif qed inħossni b’dan l-unur.

awtur emerġenti.
il-kelma 'awtur' m’iniex ċert minnha.
imma, iva, 'emerġenti' tinstema’ – hi – ħafna iktar sabiħaminn 'stabbilit'.

inħossni onorat iktar meta niftakar fl-ismijiet ta’ dawk li kisbuh qabli.
konxju li hawn ħafna nies li għandhom jiġu rikonoxxuti u ma jiġux.
b’hekk, nittama li kliemi, xogħli, huwa u se jkun denju ta’ premju bħal dan.

bl-għoti ta’ dan il-premju, inħoss ukoll il-piż li ġa għamilt referenza għalih ftit ilu.
inwegħedkom li dan se nġorru bl-ikbar responsabbiltà.
liema responsabbiltà nittama li ma xxekkilnix f’xogħli.
għax m’għandix iktar xi nħassar.

u nħoss li r-responsabbiltà li għandi hija l-ikbar lejn kittieba iżgħar minni.
emerġenti bħali.

u nħoss li rridu nagħmlu aktar.
naf li l-kunsill qed jagħmel u għamel ħafna u ta’ dan grat u nibqa’ grat li ma ngħidx.
konxju wkoll li premju bħal dan, sa ftit snin ilu, lanqas biss kien jeżisti.
id-destinazzjoni, imma, għadha twila.
irridu nagħmlu aktar.
u meta nagħmlu aktar, se nitlob biex nagħmlu aktar.
qatt mhu se jkun biżżejjed.

hekk biss iseħħ il-progress.

biex lil dak it-tifel li llum għandu 11-il sena u jinsab magħluq f’kamartu jaqra ktieb tiegħi jew mhux tiegħi u jinsab immeraviljat u jixtieq ikun bħalna, ikollu triq eħfef.

u forsi – forsi – taħsbu li llum, b’żewġ kotba taħt ismi, triqti hija waħda faċli.

margaret atwood tgħid li l-att tal-kitba huwa att ta’ tama.
tibda tikteb ktieb – tittama li tispiċċah; imbagħad, meta tispiċċah, tittama li huwa tajjeb; imbagħad, tittama li xi ħadd se jkun irid jippubblikah; imbagħad, li xi ħadd se jkun irid jaqrah.

allura jien, fil-kliem Trevorjan, se nibqa’ naqra ħafna, nikteb ħafna, narmi ħafna.

noħlom ħafna.

kull darba li niftakar fil-qarrejja, inħossni privileġġjat li ma ngħidx.

meta ħriġt stessi ddedikajtu lili nnifsi; meta ħriġt ħassartek ħallejt lill-qarrejja jagħżlu huma lil min iridu jiddedikaw il-ktieb.
imma l-kopja tiegħi hija ddedikata lil entità waħda: l-omm. il-missier.

flashback
14.10.22


pa, fejn qiegħed?
għadni nixtri l-PAVI.
ara ma niflaħx ma ngħidlekx ...
xiex?


il-preżent

qed tara, pa, issa ...kulħadd jaf!

dan il-missier ta u għamel minn kollox biex illum ninsab hawn.
u llum, b’dan l-unur, żgur jinsab ferħan iktar minni – impossibbli daqskemm taf tinstema’.

u fi kliemu: issa ma tridx toqgħod tiċċassa, trid ixxammar il-kmiem.

il-verità hi li meta tkun innominat u titlef, trid taħdem aktar.
u meta tirbaħ, trid taħdem aktar.

u hawn terġa’ titfaċċa l-kelma ‘ħidma’.
għax il-kitba hija hekk. ħidma. xogħol.
u għandha tiġi rikonoxxuta daqs kull xogħol ieħor.
mhux bħala passatemp. mhux bħala side-hustle.
Imma, għal min irid, anki xogħol full-time.
u mingħajr sagrifiċċji finanzjarji astronomiċi.

forsi kollox jispiċċa b’ħolma, ukoll.
u, għalhekk, barra l-ħolm-klixè l-ieħor kollu, jien għandi waħda partikolari.
li, meta xi ħadd jistaqsini inti x’tagħmel u nwieġbu nikteb, ma jistaqsinix u x’aktar?

pawża

issa tal-aħħar.

għamilt l-almu kollu tiegħi biex din il-kelma partikolari ma nsemmihiex.
meta kelma ssemmiha ħafna drabi jaf titlef l-effett tagħha.

lil dawk kollha li semmejt.
lilkom kollha li tinsabu hawn.
u oħrajn li ma jinsabux hawn.
u speċjalment, lill-kunsill nazzjonali tal-ktieb.

minn issa

flashforward

grazzi.

4 ta’ Novembru 2022

Stessi by Matthew Schembri Ħassartek by Matthew Schembri
 •  0 comments  •  flag
Share on Twitter
Published on November 04, 2022 06:34
No comments have been added yet.